Stqarrija Għall-Istampa (Il-Fizzjali Baqgħu Bla Ħlas għall-Ħidma tagħhom waqt ic-CHOGM u l-Valletta Summit)

  • Stqarrija Għall-Istampa (Il-Fizzjali Baqgħu Bla Ħlas għall-Ħidma tagħhom waqt ic-CHOGM u l-Valletta Summit)

    Stqarrija Għall-Istampa (Il-Fizzjali Baqgħu Bla Ħlas għall-Ħidma tagħhom waqt ic-CHOGM u l-Valletta Summit)

    Rabja kbira qiegħda tiddomina l-Korp tal-Pulizija hekk kif fil-waqt illi l-membri tal-Korp mill-grad ta’ kuntistabbli sa surġent maġġur tħallsu dak li kien ħaqqhom għall-ħidma tagħhom waqt il-Valletta Summit 2015 u waqt ic-CHOGM, il-fizzjali baqgħu ma ħadu xejn tas-siegħat twal zejda li gew imġiegħla jaħdmu.

    L-Assoċjazzjoni tal-Pulizija ta’ Malta (MPA) saħansitra għandha korrespondenza mal-ministeru u mat-‘task force’ illi tixhed li l-affarijiet fil-fatt kienu ser ikunu xort’ oħra, liema korrespondenza baqgħet għaddejja sa ftit ġranet ilu. Izda minkejja dan, issa li għadda kollox irrizulta li dan kollu ma kien xejn ħlief qerq bil-fizzjali. Meta waqt laqgħa riċenti l-Ministru tal-Intern u s-Sigurta’ Nazzjonali l-Onorevoli Carmelo Abela ġie mistoqsi dwar din il-manuvra, huwa wieġeb illi t-‘task force’ inkarigata mill-attivitajiet imsemmija ma kinetx taqa’ taħt ir-responsabbilta’ tiegħu izda taħt l-Uffiċju tal-Prim-Ministru.

    Għalhekk, skond il-Gvern u issa anke l-amministrazzjoni tal-Korp tal-Pulizija, dawk il-fizzjali li ġew imġiegħla jaħdmu saħansitra aktar minn 150 siegħa fuq il-ħin regolari tax-xoghol, għandhom jitħallsu biss “disturbance allowance” li l-massimu tiegħu huwa ta’ 10% tas-salarju baziku, bir-rizultat li l-massimu f’xahar fil-fatt ilaħħaq madwar mija u sebgħin ewro. Dan jikkontrasta bil-kbir meta wieħed jikkonsidra li hemm fizzjali tal-Korp tal-Pulizija li għax-xogħol li hadmu ‘suppost’ ghandhom jieħdu madwar €2,000.

    Biex jitkompla jinxteħet il-melħ fuq din il-ġerħa, mal-istess ħlas tal-paga ta’ dan ix-xahar, fejn sar il-ħlas dovut lill-kumplament tal-membri tal-Korp għas-sahra waqt dawn l-avvenimenti , għal xi raġuni ma sarx il-ħlas tal-allowances tal-ħdud u festi.

    Zgur li dawn il-manuvri qegħdin ikomplu jikkontribwixxu sabiex il-moral tal-membri tal-Korp tal-Pulizija jibqa’ ankrat fil-qiegħ.

    Ġejja mnejn ġejja din l-anomalija, l-MPA tiddikjara li dan l-abbuz irid jieqaf darba għal dejjem. Din mhiex kwistjoni ta’ “disturbance”, izda kwistjoni li wieħed ġie mġiegħel, obbligat u dettaljat jirraporta għax-xogħol għal dan il-ħin zejjed. Il-membri tal-Korp, mingħajr ebda bazi legali, qed jiġu mċaħħda kemm mid-dritt ċivili li kull xogħol ħaqqu ħlasu kif ukoll milli jgawdu l-istess drittijiet u benefiċċji taħt il-Public Service Management Code bħal kumplament tal-ħaddiema fis-servizz pubbliku.

    Għaldaqstant l-MPA, wara bosta twissijiet li għamlet, ser tibda l-proċess ta’ konsultazzjoni legali sabiex tfittex u tirrikorri għar-rimedji legali.
    Kumitat Eżekuttiv Assoċjazzjoni tal-Pulizija ta’ Malta
    print

    Comments are closed.