Is-Sħubija tal-MPA mas-CMTU

  • Is-Sħubija tal-MPA mas-CMTU

    Is-Sħubija tal-MPA mas-CMTU

    Illum, 6 ta’ Ġunju 2016, huwa jum storiku fl-istorja tal-Assoċjazzjoni tal-Pulizija ta’ Malta (MPA), u dan peress illi ġie mħabbar uffiċjalment li l-MPA issieħbet mal-”Confederation of Malta Trade Unions” (CMTU), li hija konfederazzjoni ta’ trade unions Maltin li ġejjin minn oqsma u setturi differenti. Dan il-pass huwa wieħed motivat min-neċessita’ li l-MPA tkompli ssaħħaħ il-vuċi tagħha lokalment kif ukoll iżżid il-preżenza tal-interess tagħha f’fora nazzjonali. Hawn ta’ min jippreċiża illi s-CMTU hija konfederazzjoni ta’ trade unions u mhux trade union fiha nnifisha. L-għan ewlieni huwa s-sapport reċiproku tal-imsieħba tagħha kif ukoll il-qsim tal-esperjenzi u l-għarfien tagħhom, iżda bl-ebda mod ma jintmissu n-natura, l-operat u l-istruttura tat-trade unions imsieħba. Dan ifisser li l-MPA kienet, għadha u ser tibqa’ indipendenti u awtonoma, u l-għan tagħha ser jibqa’ dejjem l-interess u l-benesseru tal-membri tagħha, filwaqt li s-CMTU sservi bħala għodda li l-MPA tkun tista’ tutilizza għall-benefiċċju u sabiex tilħaq l-għan tagħha. Hawn tajjeb li wieħed isemmi li l-MPA, fix-xhur li għaddew issieħbet ukoll mal-EuroCOP, li hija l-European Confederation of Police – l-akbar konfederazzjoni Ewropea ta’ trade unions tal-Korpi tal-Pulizija.
    Għalekk, issa l-MPA għandha kemm imsieħba lokali kif ukoll fuq livell Ewropew. Tajjeb li wieħed jirrimarka li l-MPA meta bdiet tesplora l-possibiltajiet li tissieħeb f’konfederazzjoni lokali, kienet ukoll talbet laqgħa ta’ nformazzjoni mal-FORUM, iżda qatt ma ħadet risposta. Flimkien inħarsu ‘l quddiem sabiex inkomplu naħdmu għad-drittijiet u d-dinjita’ tal-membri tal-Korp tal-Pulizija, b’dedikazzjoni, professjonalita’ u għaqal.
    print

    Comments are closed.