Karta ta’ Pożizzjoni dwar l-Abbozz ta’ Liġi dwar l-Akkademja għal Korpi Dixxiplinati

  • Karta ta’ Pożizzjoni dwar l-Abbozz ta’ Liġi dwar l-Akkademja għal Korpi Dixxiplinati

    Karta ta’ Pożizzjoni dwar l-Abbozz ta’ Liġi dwar l-Akkademja għal Korpi Dixxiplinati

    B’referenza għas-suġġett hawn fuq imsemmi, l-Assoċjazzjoni tal-Pulizija ta’ Malta (MPA) tixtieq qabel kollox tfisser l-apprezzament tagħha lejn l-inizjattiva min-naħa tal-gvern sabiex it-taħriġ li jingħata lill-membri tal-Korp tal-Pulizija ikun wieħed professjonali u ta’ kwalita’ garantita. Dan il-ħsieb huwa in linea ma’ dak li espremiet l-MPA fl-istqarrija għall-istampa ta’ nhar is-Sibt, 13 ta’ Frar 2016.
    F’din l-istqarrija l-MPA kienet saħqet illi:
    “Ninsabu ngħixu f’dinja fejn l-edukazzjoni u t-taħriġ akkademiku jservu bħala wieħed mill-pilastri ewlenin li fuqhom qed tinbena s-soċjeta’ moderna. Tista’ tgħid li f’pajjizna stess, il-progress fis-sistema edukattiva wassal għat-twaqqif u ftuħ t’ istituti u kulleġġi fejn kull persuna, billi ssegwi kors imħejji u li jkun akkreditat minn awtorita’ kompetenti, tingħata l-opportunita’ li tipprepara ruħha b’mod adegwat sabiex tidħol fid-dinja tax-xogħol jew saħansitra tkompli tikber fil-karriera tagħha. Dawn l-opportunitajiet illum insibuhom tista’ tgħid f’kull qasam, iżda sfortunatament ma nistgħux ngħidu l-istess ħaġa rigward tal-Pulizja….. Għalekk jixraq illi l-Akkademja tal-Pulizija tinbidel f’istitut professjonali u awtonomu. It-taħriġ u l-preparazzjoni ta’ dawk imħajjra jissieħbu jew saħansitra jkomplu jikbru fil-karriera tagħhom fi ħdan il-Korp għandu jkun wieħed akkreditat u jingħata minn professjonisti.”
    Żgur illi dan l-abbozz ta’ liġi jipprovdi għat-twaqqif ta’ dak li l-MPA kienet irreferiet għalih bħala “stitut professjonali u awtonomu” li jkun jipprovdi taħriġ “akkreditat u jingħata minn professjonisti.”
    Iżda l-MPA permezz ta’ din il-pubblikazzjoni, tixtieq tesprimi t-tħassib tagħha fuq diversi aspetti hekk kif ġew proposti fl-abbozz Nru. 150:
    1. L-ewwel tħassib jirrigwarda dwar il-fatt illi dan l-abbozz jelimina u jabolixxi kompletament l-Akkademja tal-Pulizija preżenti, u minnflok iwaqqaf akkademja waħda għall-korpi dixxiplinati kollha imsejjħa “Akkademja għal Korpi Dixxiplinati”.
    L-MPA, minnkejja li tifhem illi fil-preżent, jew aħjar dawn l-aħħar numru ta’ snin, l-Akkademja tal-Pulizija kienet ineffettiva jew aħjar bi programm akkademiku kompletament assenti, tant illi dan kien wieħed mil-motivi li ġiegħel lill-MPA tieħu l-pożizzjoni li ħadet xhur ilu, ma jfissirx illi t-titlu tal-Akkademja tal-Pulizija għandu jintrema u jintilef.
    Dan it-titlu apparti li huwa sinonimu ħafna mal-Pulizija b’mod ġenerali, jiġbor fih storja ta’ kultura ta’ madwar tletin sena kif ukoll jimmarka u jimplika speċjalizzazzjoni partikolari u pekuljari għall-Pulizija, il-karriera u l-irwol tiegħu, li fis-sustanza u n-natura tiegħu huwa distint minn dak ta’ kwalunkwe korp dixxiplinat ieħor. Minnkejja li jista’ jkun hemm ċirkostanzi li jqarrbu lejn xulxin il-Korpi Dixxiplinati, dawn jibqgħu distinti fuq diversi livelli, awtonomi u ndipendenti minn xulxin.
    2. B’żieda ma’ dan, tajjeb li wieħed jirrikonoxxi illi l-bini mnejn il-qalba ta’ din l-“Akkademja” ser tkun qed topera, hija riżors tal-Pulizija, u nbniet propju mill-fondi tal-Korp tal-Pulizija. Huwa rikonoxxut ukoll illi meta nbniet l-‘Akkademja tal-Pulizja’ tħallew barra ċertu faċilitajiet b’riżultat li dawn nuqqasijiet ta’ neċessitajiet strutturali f’din il-binja ma jippermettux illi proġett kbir bħal dan jilħaq il-milja tiegħu.
    3. Il-ħsieb wara akkademja waħda sabiex tilqa’ dawn l-erba’ funzjonijiet separati u distinti jagħmel sens jekk wieħed kellu jħares lejn dan il-kunċett mil-lat ekonomiku, peress illi l-massimizzazzjoni tal-utilizzazzjoni tar-riżorsi għandha bażi ta’ kompetenza. Madankollu, anki dan il-komponent elementari ma jsibx bażi peress illi fl-iktar livelli bażiċi, l-erba’ dixxiplini kollha huma distinti minn xulxin. Għaldaqstant dak li ġie propost mhux se jkun fi kwalunkwe pożizzjoni li jimmassimizza r-riżorsi tiegħu fil-qsim ta’ taħriġ, tagħmir, tattiċi eċċ…
    4. L-erba’ Korpi dixxiplinati – Pulizija, Armata, Gwardjani tal-Ħabs u Protezzjoni Ċivili, kollha għandhom rekwiżiti tekniċi, tattiċi, legali u operazzjonali distinti.
    i. Tekniċi
    Minn perspettiva teknika, il-kunċett huwa nieqes minn provedimenti adegwati sabiex jilħaq l-għan tiegħu. L-Armata għandhom ħtieġa ta’ komponenti bażiċi ta’ ħiliet distinti, u li m’humiex meħtieġa mill-Pulizija, Gwardjani tal-Ħabs u Protezzjoni Ċivili, u vice versa. Id-dixxiplini kollha għandhom komponenti bażiċi ta’ ħiliet li huma diversi u distinti.
    ii. Legali
    L-iskop għall-eżistenza ta’ dawn l-erba’ korpi huwa stabbilit bil-liġi. Anki dawn l-istess skopijiet huma pjuttost distinti. Hemm ċirkostanzi limitati fejn il-funzjonijiet legali jikkoinċidu iżda dawn iċ-ċirkostanzi huma minimi u għalekk ma hemm l-ebda ġustifikazzjoni li dawn ikollhom akkademja komuni. Ir-rekwiżiti ġuridiċi għal kull Korp, is-setgħat u d-dmirijiet tagħhom, huma distinti wkoll mill-irwol attwali tagħhom fis-soċjetà u għalhekk irendi kunfliltt f’dan il-kunċett.
    iii. Operazzjonali u Tattiċi
    L-erba’ dixxiplini kollha għandhom rekwiżiti operazzjonali u tattiċi tagħhom għal darb’oħra totalment distinti. L-eċċezzjoni u konverġenzi huma f’sitwazzjonijiet minimi. Minnkejja li dawn il-konverġenzi minimi jistgħu jeħtieġu kooperazzjoni u taħriġ komuni, m’humiex biżżejjed sabiex jiġġustifikaw illi jkunu jaqgħu taħt akkademja waħda.
    Għaldaqstant huwa ċar illi l-programmi ta’ taħriġ u ċertifikazzjoni meħtieġa sabiex ikunu kapaċi jlaqqgħu l-eżitu tat-tagħlim ġenerali u speċjalizzat mal-ħtiġijiet tax-xogħol ta’ kull dixxiplina huma totalment distinti.
    5. Mil-lat edukattiv, il-proċess ta’ Kopenħagen jipprovdi b’mod ċar il-format għat-taħriġ vokazzjonali u jenfasizza dwar l-importanza li jiġu stabbiliti kwalifiki u jirrikonoxxi t-tagħlim u ċertifikazzjoni. Ir-rekwiżiti għal dawn l-erba’ dixxiplini tant huma distinti li jista’ jkun li ma jkunx possibbli li jiġi stabbilit qafas ta’ kwalifiki komuni. Eżempju prisoner extraction training, riot and crowd control, high speed chasing, sparar, taħriġ fiżiku, taħriġ forensiku, search and rescue, rapid interventions, firefighting, district management, customer oriented training, eċċ…
    Kif wieħed jista’ jara l-kunċett huwa nieqes fl-ambitu tiegħu minn dawn l-aspetti kollha.
    6. Apparti dan kollu wieħed jinnota li hemm nuqqasijiet u lakuni oħra fl-abbozz. Eżempju wieħed huws li dan l-abbozz ipoġġi fuq it-tmexxija tal-akkademja lill-Kmandant, u dan sabiex (hekk kif ġie spjegat) jibqa’ t-timbru u l-ambjent tal-Korpi Dixxiplinati. Għalkemm din in-nomenklatura timplika li l-persuna li ser tkun qed tokkupa din il-kariga ser tkun ġejja minn xi korp dixxiplinat, l-istess abbozz jonqos milli jispjega u jistabilixx mil-liema Korp dan ser ikun ġej. Dan il-vojt qed iħalli baħħ fil-ħsibijiet ta’ dawk illi jippruvaw jikkenċepixxu kif fil-prattika dan ser isir.
    Fid-dawl ta’ dan kollu, l-MPA ma tħossx illi sabiex issir strateġija edukattiva u akkademika, u kif ukoll sabiex is-servizz tat-tagħlim u taħriġ għall-korpi dixxiplinati jkun wieħed akkreditat, provdut u kkoordinat minn istituzzjoni kompetenti, jeħtieġ li jiġi abolit it-titlu tal-Akkademja tal-Pulizija, u minnflok ikollna “ħallata ballata” ta’ membri ta’ Korpi dixxiplinati diversi taħt titolu t’akkademja (skola) waħda. Id-differenzi u diversitajiet bejn il-Korpi dixxiplinati, kif spjegat qabel, huwa fatt li minnu nnifsu jitlob dipartimenti separati, li jħaddnu kulturi u kwalitajiet appartenenti lil kull Korp distintivament.
    Ilkoll konxji illi proġett ambizjuż bħal dan, li nerġgħu nistqarru fil-prinċipju tiegħu huwa appoġġat bis-sħiħ mill-MPA, jeħtieġ investiment sostanzjali. Dan speċjalment meta wieħed iqies illi fil-preżent m’hemm l-ebda faċilita adegwata bħal running tracks, sports grounds, shooting range professjonali, eċċ. Għaldaqstant wieħed jifhem dwar il-ħtieġa li f’investiment bħal dan jista’ jkun meħtieġ li l-akkademji u skejjel tal-erba’ dixxiplini jiftħu l-bibien għall-użu tal-Korpi dixxiplinati kollha. Iżda dan ma joħloqx neċessita li tiġi abolita l-Akkademja tal-Pulizija (bħala skola jew dipartiment) u kwalunkwe skola oħra eżistenti, imma biss illi l-faċilitajiet tagħha, fejn hemm bżonn, ikunu miftuħa u disponibbli għall-Korpi l-oħra, u vice versa. Huwa hawn fejn l-irwol koordinattiv tal-istituzzjoni l-ġdida għandu jidħol.
    Irridu nkunu realistiċi wkoll dwar il-fatt illi dan l-Att mhux ser jiġi applikat fuq il-Korpi Dixxiplinati kollha kemm huma minnufih hekk kif dan jiġi fis-seħħ. Dan huwa konsegwenza tar-realta’ li proġett innovattiv bħal dan irid numru ta’ snin sabiex jiġi mplimentat fit-totalita’ tiegħu. Iżda hawn iqum tħassib ieħor billi nistgħu naslu f’sitwazzjoni fejn l-Akkademja tal-Pulizija tkun ġiet abolita, u minnflokha jkun hemm Akkademja għal Korpi Dixxiplinati, li fil-fatt ma tkunx tal-korpi dixxiplinati kollha, għaliex filwaqt li l-liġi tkun ġiet applikata fuq tant korpi, fuq oħrajn ma tkunx. Dan għaliex mal-medda taż-żmien il-prijoritajiet jew il-pjanijiet nazzjonali jew ministerjali jistgħu jinbidlu.
    Għaldaqstant l-MPA tħeġġeġ lill-Gvern sabiex fil-waqt li jkompli miexi b’dan il-pass tant meħtieġ, isiru dawk l-emendi neċassarji f’dan l-abbozz sabiex jiġi assigurat li l-eżistenza tal-Akkademja tal-Pulizija tibqa’ hemm indipendentement mit-twaqqif ta’ din l-istituzzjoni edukattiva għall-Korpi Dixxiplinati, u aktar minn hekk tkun kapaċi tibqa’ għaddejja fi kwalunkwe eventwalita’ oħra mhux prevista. L-MPA tkompli tinkuraġixxi lill-gvern sabiex jinvesti bl-aħjar mod possibbli f’aktar u l-aħjar infrastruttura, teknoloġija kif ukoll riżors uman, sabiex proġett ambizzjuż bħal dan narawħ jiġi attwat bl-aħjar mod possibbli u fl-għola livelli ta’ standards kurrenti.
    Filwaqt illi l-irwol tal-Akkademja tal-Pulizija sservi bħala skola fejn jingħata t-taħriġ, l-irwol tal-istituzzjoni l-ġdida għandu jkun dak illi toħloq strateġija edukattiva u akkademika, u programmi edukattivi, kif ukoll sabiex tassigura l-kwalita’ u tipprovdi, u tikkoordina s-servizz ta’ taħriġ fl-iskejjel jew akkademji tal-korpi dixxiplinati, li jistgħu jkunu miftuħa għal xulxin.
    Fl-aħħar nett nirrimarkaw illi dan il-proġett għandu jimmarka biss il-bidu ta’ era ġdida għall-Korp tal-Pulizija, liema era hija tant mistennija u meħtieġa. Ladarba jibda jitwettaq il-proġett tal-akkademja, jkun imiss li naraw riforma sħiħa fil-Korp tal-Pulizija u fl-amministrazzjoni tiegħu, li tikkonverti l-Korp għal wieħed modern u innovattiv, u li jkun qed jikkumplimenta l-livelli u l-kwalita’ li huwa antiċipat fil-qasam tat-taħriġ akkademiku.
    print

    Comments are closed.