Stqarrija Għall-Istampa (B’reazzjoni għal dak li ntqal mill-President tal-POU nhar il-Ġimgħa 2 ta’ Settembru 2016)

  • Stqarrija Għall-Istampa (B’reazzjoni għal dak li ntqal mill-President tal-POU nhar il-Ġimgħa 2 ta’ Settembru 2016)

    Stqarrija Għall-Istampa (B’reazzjoni għal dak li ntqal mill-President tal-POU nhar il-Ġimgħa 2 ta’ Settembru 2016)

    ’reazzjoni ghal dak li qal il-President tal-POU waqt filmat inkluż f’artiklu li deher fuq inewsmalta.com nhar il-Ġimgħa 2 ta’ Settembru 2016, rigward is-sospensjoni tad-direttiva tal-POU dwar il-kontribuzzjoni għax-xahar ta’ Settembru 2016, fejn għal darboħra biex jagħmel l-argument tiegħu,, mingħajr ebda ħtieġa, għamel referenza għall-Assoċjazzjoni tal-Pulizija ta’ Malta (MPA), din tal-aħħar tixtieq tippreċiża dan li ġej:
    1. Sandro Camilleri qiegħed jagħti l-impressjoni li dan il-fond kien xi lag fejn isir abbuż u tbagħbis ta’ flus kontinwament. Il-fatt li l-fond imsemmi ma kienx jiġi awditjat mill-awditur ġenerali ma jfissirx li kien qed ikun hemm abbuż mill-flus f’dan il-fond. L-MPA tifhem li kien hemm prattika ħażina u li dan għandu jiġi rimedjat, għaldaqstant hija wkoll taqbel li l-fond għandu jiġi awditjat mill-awditur ġenerali. Il-messaġġ li qed iwassal Camilleri mhux ġust u mhux iservi ta’ ebda ġid, anzi qed iħammeġ il-Korp tal-Pulizija.
    2. Billi l-MPA qatt ma ppublikat filmati jew qatt m’għamlet xenati u bużullotti fil-pubbliku dwar dan il-fond ma jfissirx li qatt ma fetħet ħalqha kif qed jallega Camilleri. Dan il-fond mhux parti mill-fondi pubbliċi, iżda jappartjeni għall-membri tal-Korp tal-Pulizija. Huwa għalekk li l-MPA sal-lum qatt ma ħasset il-ħtieġa li toħroġ tagħmel storja fil-pubbliku, speċjalment meta sa minn żmien il-Kummissarju Cassar, kien beda jsir awditjar intern tiegħu. U għall-kuntrarju ta’ dak li qiegħed jgħid Camilleri, kienet l-MPA li proponiet li jitwaqqaf dan il-Kumitat biex jamministra dal-Fond u li fih ikun hemm rappreżentanza tal-unjins.
    3. Huwa minnu li parti minn din il-kontribuzzjoni kienet tmur għall-finanzjarjament tal-MPA. Iżda tajjeb li wieħed jispjega illi accounts tal-fondi li kienu jingħataw lill-MPA, kienu jiġu preżentati kull sena waqt il-Konferenza Ġenerali. Camilleri, bħala persuna li permezz ta formula kien talab biex ikun delegat tal-MPA – iġifieri rappreżentant tal-membri tal-Korp fil-Konferenza Ġenerali – suppost (kieku kien jinteressa ruħu verament fid-drittijiet tal-membri) kien jattendi u kien ikun wieħed minn dawk id-delgati li approvaw dawn l-accounts, jew bil-kontra, kien iqajjem kwalunkwe mozzjoni li ried. Iżda minnflok, għal xi raġuni, minnkejja li hu stess kien jippreżenta ruħu biex ikun delegat, kien jagħżel li ma jattendix għall-Konferenzi (hekk kif jixhdu l-minuti tal-Konferenzi Ġenerali ta’ diversi snin). Jidher li l-interess ta’ Camilleri fil-membri tal-Korp beda biss meta ġie avviċinat internament biex jieħu ħsieb il-GWU fil-Korp.
    4. Huwa qal ukoll li l-MPA ma rritornatx il-flus li ħadet. Dawn il-flus ingħataw lill-MPA għas-servizz kontinwu li kienet tagħti l-MPA sabiex tkun tista’ topera. Mingħajr dan is-servizz, Camilleri llum ma kienx ikun jista’ joqgħod jagħmel filmati u jippoża ta’ president ta’ trade union – għaliex mingħajr il-ħidma tal-MPA, dan id-dritt qatt ma kien jasal.
    5. Kif intqal aktar ‘il fuq, suppost Camilleri (bħala eks-delegat) jaf fejn kienu jmorru dawn il-flus. Apparti l-infieq fl-operat, l-MPA kienet toħroġ flus, fost oħrajn, għal: nofs l-ammont tar-rigali li jingħataw lit-tfal fil-Milied; għas-servizz tal-avukat; biex tgħin xi membru f’każijiet li jkunu jeħtieġu għajnuna mingħajr ma toqgħod tippoppa quddiem il-cameras u ddoqq ħafna trombi; xtrat basktijiet sportivi għall-membri kollha; inxtraw is-siġġijiet li jintużaw fil-Vilhena Hall waqt riċevimenti u attivitajiet oħra; sponsorships ta’ kull sena għall-attivitjeit tal-Kumitat għall-Isports; ġie mwaqqaf ix-Shooting Club; u bosta oħrajn. Dawk il-flus kienu jmorru għall-MPA għas-servizz li wieħed kien jieħu dak iż-żmien, u mhux għall-futur. Bħallikieku meta wieħed ikun iħallas miżata fi klabb u wara ma jibqgħax membru tiegħu, jippretendi li jieħu l-flus imħallsa f’miżati kollha lura. Huwa minnu li din kienet obbligatorja, iżda huwa minnu wkoll li kulħadd gawda mill-kisbiet tal-MPA.
    6. Jekk Camilleri jħoss li l-MPA qed iżżomm flejjes illegalment, dan għandu jieħu kull azzjoni legali sabiex dawn jingħataw lura. Suppost li l-flus issa mhux skuża, għax jekk il-POU għandha elf membru (kif jgħid Camilleri) li jħallsu €50 fis-sena, suppost f’sena waħda ġabar €50,000 li suppost jintefqu għall-ġid tal-membri tiegħu – iżda probabbli l-unika ħaġa li nefaq minnhom hija webcam li hija tant għal qalbu u li jqatta’ ħafna ħin quddiema jeżalta lilu nnifsu u jħammeġ lill-ħaddieħor.
    7. Meta wieħed iqis id-disproporzjonalita’ tal-battalja fuq il-ħlas ta’ din il-kontribuzzjoni (u minnflok saret ħidma bil-kwiet biex jiġi organizzat fejn ma kienx, saret kampanja sħiħa li waslet messaġġ li dawn il-flus qed jiġu abbużati) l-unika konklużjoni loġika li wieħed jista’ jasal għaliha hija li Camilleri kulma jrid huwa li jagħmilha aktar faċli li persuna minnflok tħallas din il-kontribuzzjoni, tħallas is-sħubija fil-POU, liema ammont huwa bejn wieħed u ieħor ekwivalenti għal dak li jħallas f’kontribuzzjoni.
    8. Camilleri rrefera għall-MPA bħala l-unjin ta’ kontra tagħhom. Hija sfortuna deplorabbli li l-għaġir ta’ Camilleri qed iwassal biex wieħed jiddistingwi bejn ‘aħna’ u ‘huma’. Dan imur kontra kull etika. Hawn wieħed ma jistax ma jikkummentax li Camilleri għall-glorja tiegħu jdur u joħroġ mibgħeda kontra kulħadd, tant li lest jipprova jħammeġ lil kulħadd. Id-differenza bejn l-MPA u l-POU hija li Camilleri proklama lilu nnifsu bħala President tal-POU, fil-waqt li l-Kumitat Eżekuttiv tal-MPA intagħżel mill-membri kollha permezz t’elezzjoni demokratika.
    9. L-MPA mhiex kumpanija teatrali, u għaldaqstant mhiex bi ħsieba toqgħod tagħmel it-teatrini kollha quddiem il-cameras li jagħmel Camilleri – bl-aktar mod uniku u mingħajr ebda preċedent fl-istorja tat-trade unions f’Malta, sakemm mhux fid-dinja – hekk kif qed jiġi deskritt mill-pubbliku bħala programm ġdid ta’ ‘teleshopping’. Għaldarboħra l-MPA ma tistgħax ma tistaqsix kif il-GWU qed taċċetta li jsiru dawn il-kummiedji u bużullotti kollha taħt il-kappa t’isimha. Dan mhux l-istil tal-MPA. L-MPA temmen fid-diskussjoni ma’ mejda, kawtela, għaqal, paċenzja u tolleranza, iżda fejn hemm bżonn tieħu l-passi neċessarji, toħodhom, anki sa quddiem il-qrati.
    Fl-aħħar nett l-MPA qed tistenna li l-Kummissarju tal-Pulizija b’responsabbilta’ jara li kull membru tal-Korp jottempera ruħu mal-obbligazzjoni legali li jħallas dawn il-kontribuzzjonijiet kollha u li ma jkunx hemm applikazzjoni diskriminatorja tal-liġi bejn il-membri taż-żewġ unjins. L-MPA twissi li mhux ser taċċetta li ssir diskriminazzjoni bejn il-membri tagħha u dawk tal-POU. Safrattant, minnkejja li ma ħallsux, il-membru tal-POU attendew kemm għar-riċeviment tal-Milied kif ukoll għar-riċeviment tal-Police Day, u ħadu l-istess rigali daqs min ħallas.
    Kumitat Eżekuttiv
    MPA
    print

    Comments are closed.