Il-Pulizija jdumu xhur twal biex jitħallsu tal-‘extra duty’

  • Il-Pulizija jdumu xhur twal biex jitħallsu tal-‘extra duty’

    Il-Pulizija jdumu xhur twal biex jitħallsu tal-‘extra duty’

    Bosta Pulizija li jagħmlu l-‘extra duty’, iġifieri jiġu mqabbda jagħmlu xogħol fuq talba ta’ terzi, jinsabu rrabjati għax qed idumu xhur sħaħ biex tħallsu. Meta Pulizija jagħmel l-‘extra duty’ dan ma jitħallasx qabel ma min ikun talab is-servizz iħallas lill-Korp tal-Pulizija. Żewġ eżempji partikolari huma s-servizz li ingħata fit-‘Tourism Police’ u lill-Malta Football Association (MFA). Fil-każ tat-‘Tourism Police’ il-Pulizija għadhom tħallsu biss sax-xahar ta’ Lulju 2016, għal servizz li ingħata għal sajf sħiħ. Fil-każ tal-MFA, għas-servizz li jingħata fil-grawnds, il-Pulizija l-aħħar li tħallsu kien tas-servizz li ingħata sa’ Mejju 2016, liema servizz fil-fatt jibqa’ għaddej is-sena kollha.

    Din is-sitwazzjoni hija tal-mistħija u mhux aċċettabbli. Minnkejja l-bosta drabi li l-MPA saħqet fuq dan, jidher li l-karba tal-Pulizija qed taqa’ fuq widnejn torox. Tajjeb li wieħed iżomm f’moħħu li Pulizija ma jistgħax jaqbad u jmur jagħmel xogħol part-time. Biex is-sitwazzjoni tkompli tiggrava, l-overtime matul is-sena naqas drastikament. Iġifieri l-unika dħul żejjed li Pulizija jista’ jagħmel huwa mill-‘extra duty’, li tagħha jdum ma jitħallas xhur sħaħ sakemm mhux snin.

    Tajjeb jiġi ċċarrat illi huwa l-Korp li jqabbad lill-Pulizija jagħmlu dan ix-xogħol, u l-Pulizija nnifsu m’għandu l-ebda rabta ma min qed jirċievi s-servizz. Għalhekk, il-Korp tal-Pulizija għandu jibda jħallas lill-Pulizija huwa tax-xogħol li jqabbadhom jagħmlu, imbagħad jiġri wara flusu hu, u mhux iħalli lill-Pulizija jistennew bil-ħniena li xi darba jitħallsu tax-xogħol li jkun qabbadhom jagħmlu u ma jistgħux jirrifjutaw. Saħansitra spiċċajna bir-rappreżentanti tal-unjins jiġru wara t-terzi jibkulhom biex iħallsu bħallikieku l-Pulizija kienu ‘self employed’. Biex tkompli titfa l-melħ fuq il-ferita, wara li jaslu dawn il-flus għand il-Korp, dan jerġa jdum xhur oħra biex jipproċessa l-pagamenti u jinkludihom fil-pagi.

    Dawn is-sitwazzjonijiet huma tal-mistħija kieku jiġru fis-settur privat. Mela kemm huwa wisq aktar tal-mistħija li din hija s-sitwazzjoni f’Awtorita’ Pubblika bħal Pulizija!

    Tajjeb li dawk responsabbli jiftakkru li l-Pulizija għandhom familji xi jrabbu, tfal x’jitimgħu u kontijiet xi jħallsu bħal kull ċittadin ieħor, u ma jiswa xejn li nitkellmu dwar il-benesseru tal-ħaddiem jekk inħalluh imdendel jittama li xi darba jitħallas dak li ħaqqu jieħu.

    Kumitat Eżekuttiv

    print

    Share on FacebookShare on Google+Tweet about this on TwitterShare on LinkedIn

    Comments are closed.