Għadna qed nistennew il-Ftehim Settorjali

  • Għadna qed nistennew il-Ftehim Settorjali

    Għadna qed nistennew il-Ftehim Settorjali

    L-Assoċjazzjoni tal-Pulizija ta’ Malta (MPA) tinsab urtata illi sal-lum il-ġurnata il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-Pulizija għadhom ma tranġawx.

     

    Wara diversi talbiet sabiex jibda jiġi negozzjat ftehim settorjali għall membri tal-Korp tal-Pulizija, fi Frar li għadda l-MPA kienet ħabbret li ser tieħu azzjoni legali sabiex tfittex id-drittijiet tal-Pulizija li jkollu kundizzjonijiet diċenti fuq l-istess livell tal-ħaddiema l-oħra tas-servizz pubbliku, kif ukoll jiġu ndirizzati sitwazzjonijiet speċifiċi għax-xogħol tal-Pulizija.

     

    L-aktar kwistjoni pertinenti hija dik li l-Pulizija jrid jaħdem 46 siegħa biex jitħallas dak li ħaddiem ieħor fis-servizz pubbliku jaħdem għalih 40 siegħa. L-akbar anomalija f’din il-kwistjoni hija li dawn is-siegħat ta’ xogħol huma bbażati fuq dokument li ġie ffirmat fl-2012 bejn il-Ministeru għall-Intern u l-Ministeru tal-Finanzi, liema dokument ma kienx ġie negpozjat quddiem il-Bord tal-Pulizija għan-Negozjar skont ma kienet titlob il-liġi.

     

    Din l-anomalija, apparti li qed ittellef lill-Pulizija 15% fid-dħul tiegħu, qed twassal sabiex it-48 siegħa, stipulati mid-Direttiva Ewropea dwar l-Organizzazzjoni tal-Ħin tax-Xogħol, li min iħaddem jista’ jobbliga li jħaddem lill-ħaddiem, qed jintlaħqu u jinqabzu mingħajr il-kunsens tal-ħaddiem hekk kif titlob l-istess Direttiva. L-implimentazzjoni Maltija ta’ din id-Direttiva qed tiġi miksura direttament mill-istat innifsu.

     

    Ġimgħatejn biss wara li l-MPA kienet ħabbret li ser tieħu azzjoni legali fi Frar stess dwar dan, kienet irċeviet stedina biex jibdew in-negozjati. Minn Frar sal-lum, kien hemm biss tliet laqgħat u l-Pulizija għadha bl-istess kundizzjonijiet.

     

    Din is-sitwazzjoni qed toħloq rabja kbira fost il-Pulizija li kienu tant imwegħda li ser titranġa s-sitwazzjoni, u issa li qrobna għall-baġit ieħor, għadna l-istess.

     

    Għaldaqstant, l-MPA qed titlob lill-gvern sabiex jieħu azzjoni, u ma jibqax iwarrab lill-Pulizija fil-ġenb, u jibda jistmaħ b’dinjita vera, billi jħarislu id-dritt fundamentali tiegħu mnaqqax kemm fil-Kostituzzjoni ta’ Malta kif ukoll fil-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem, li jinnegozzja kollettivament bħala ħaddiem, u bil-fatti, jagħtih dawk il-kundizzjonijiet li dan l-irwol essenzjali fis-soċjeta’ tagħna jixirqulu.

    (Ritratt: http://deaconmetcalfe.blogspot.com.mt/2013/08/waiting.html)

    print

    Share on FacebookShare on Google+Tweet about this on TwitterShare on LinkedIn

    Comments are closed.